Il-frodi u l-korruzzjoni jista’ jkollhom konsegwenzi serji fuq kwalunkwe soċjetà u jekk ma jiġux ikkontrollati jġibu konsegwenzi negattivi, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali. Dak li jiddifferenzja l-frodi u l-korruzzjoni minn irregolaritajiet oħra huwa l-intenzjoni malizzjuża ta’ min iwettaq ir-reat. Fl-agħar tagħhom, il-frodi u l-korruzzjoni jaffettwaw b’mod negattiv il-fibra morali tas-soċjetà u jistgħu jwasslu għal inkwiet politiku, instabbiltà ekonomika, telf ta’ livell ta’ għajxien u żieda fil-kriminalità organizzata.
Definizzjoni ta’ suspett ta’ frodi
Frodi suspettata tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji fuqlivell nazzjonali sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ mġieba malizzjuża intenzjonata biex iseħħ il- frodi
Definizzjoni ta’ irregolarità
L-Att dwar l-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet Finanzjarji (Kapitlu 461 tal-Liġijiet ta’ Malta) jiddefinixxi l-irregolarità bħala ‘…liema att jew ommissjoni li illegalment inaqqas il-fondi pubbliċi .u dak kollu li ma jkunx konformi mal-immaniġġjar xieraq tagħhom.’
Definizzjoni ta’ korruzzjoni
Il-Programm Globali tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni jiddefinixxi l-korruzzjoni bħala ‘…l abbuż ta’ poter għal gwadann privat.’
Definizzjoni ta’ fondi pubbliċi
L-Att dwar l-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet Finanzjarji jiddefinixxi l-fondi pubbliċi bħala ‘fondi li l-Gvern jirċievi, iħallas, li jinkludu fondi lill-kunsilli lokali, jew li jkun meħtieġ li jamministra taħt l obbligi internazzjonali ta’ Malta, jew fondi pubbliċi oħra li jirriżultaw minn kwalunkwe liġi oħra’.
X’għandu jkun rappurtat lill-IAID?
Skont Artiklu 16 tal-Att dwar l-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet Finanzjarji jekk entità (kemm persuni naturali u legali, li jinkludi kull entità jew assoċjazzjoni ta’ persuni, kemm korporali jew mhux korporali) jkollha għaliex tissuspetta li jkun hemm xi irregolarità u, jew każ ta’ suspett ta’ frodi tal fondi pubbliċi, hija għandha tirreferi l-kwistjoni minnufih lid-Direttur, u għandha tipprovdi lid Direttur, l informazzjoni kollha relatata li jkollha f’idejha.
Kif tirrapporta lill-IAID?
Tista’ tikkuntattjana b’mod anonimu. Huwa importanti li tipprovdi informazzjoni preċiża u dettaljata kemm jista’ jkun, li jinkludu dokumenti, meta disponibbli, biex isostni l-allegazzjoni tiegħek.
IAID tevalwa l-informazzjoni provduta u tiddetermina:
- jekk il-kwistjoni taqax taħt il-kompetenza tal-IAID; u
- jekk l-informazzjoni hijiex biżżejjed u affidabbli biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ każ.