IL-MISSJONI TAGHNA

 

Id-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet (IAID) għandu l-għan li jipprovdi lill-Gvern ta’ Malta b’funzjoni ta’ assessjar, konsultazzjoni u investigazzjoni funzjonalment indipendenti u professjonali fi ħdan il-Gvern biex jeżamina, jevalwa, jistħarreġ, jiskrutinizza u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar attivitajiet governattivi, bħala servizz lill-Gvern innifsu. L-Att dwar l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet Finanzjarji, Kap 461 tal-Liġijiet ta’ Malta, jipprovdi dwar ir-regolamentazzjoni tal-funzjoni ta’ awditjar intern u tal-funzjoni ta’ stħarriġ finanzjarju, li jinkludu s-setgħa li jsir awditjar intern u stħarriġ finanzjarju indipendenti u effettiv, u biex jipprovdi dwar is-salvagwardji meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Gvern li jinkludu l-fondi li jista’ jirċievi jew ikun meħtieġ li jamministra taħt l-obbligi internazzjonali ta’ Malta.

L-għan ewlieni tal-IAID hu li jassisti lis-Segretarji Permamenti fil-qadi effettiv ta’dmirijiethom. L-IAID jipprovdi lis-Segretarji Permanenti b’analiżi, rakkomandazzjonijiet, pariri u informazzjoni dwar attivitajiet riveduti. L-IAID huwa indipendenti mill-attivitajiet li jivverifika biex jiżgura ġudizzju oġġettiv essenzjali biex jagħti pariri imparzjali lill-Gvern. L-ebda membru tal-IAID ma għandu jkollu awtorità fuq, jew responsabbiltà għal, kwalunkwe mill-attivitajiet riveduti. L involviment tad-Dipartiment fl-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta’ politika, sistemi u proċeduri dipartimentali għandu jkun f’kapaċità ta’ konsulenza, b’konformità ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-passat u/jew preżenti magħmula mill-IAID stess.

Biex jilħaq dawn l-għanijiet, l-IAID jipprovdi s-servizzi tiegħu permezz tal-erba’ Direttorati li ġejjin: id Direttorat tal-Awditjar Intern u l-Immaniġġjar tar-Riskju, id-Direttorat Ċentrali ta’ Armonizzazzjoni; id-Direttorat tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji, u d-Direttorat tal-Verifiki tal-Fondi tal-UE. L-IAID huwa impenjat bis-sħiħ li jassisti lill-Gvern Malti jagħmel l-aħjar użu mill-fondi pubbliċi sabiex jinkisbu r riżultati li bi dritt iċ-ċittadini Maltin u tal-UE jistennew li jaraw.